Minkejja dak li wiegħed fil-jiem li għaddew, Manwel Cuschieri llum baqa’ ma qalx l-isem jew ismijiet ta’ min keċċieh mis-Super 1. Minflok, hu qal biss li kien informat mill-“Amministrazzjoni” tal-Labour, jiġifieri il-Bobby jew xi ħadd minn sħabu.
Min-naħa l-oħra, hu rrepeta li d-deċiżjoni ma kinitx ta’ sieħbu Jason Micallef, li s’issa għadu ċ-Chairman tas-Super 1. Lanqas ma kienet ta’ Clint Bajada, li jmexxi Super 1 Radio, jew ta’ xi ħadd ieħor li llum għadu involut fl-istazzjonijiet tal-Labour. Minflok, hu saħaq li dawn dejjem emmnu fih.
Fuq kollox, f’xandira ta’ aktar minn siegħa u nofs, minn barra l-bini tas-Super 1 (ara r-ritratt isfel), hu reġa’ rringrazzja biss lill-eks Leaders Fredu u Joseph tal-fiduċja li dejjem urew fih fil-programmi politiċi, filwaqt li reġa’ ma rringrazzjax lill-Bobby, tant li qal li fil-Labour hemm affarijiet li “jrid jikkoreġihom”.
Minflok, hu jagħti ċanfira oħra lill-Bobby u sħabu: “Serrħu raskom, mhux minix se nitlaq. Hawn kont, hawn għadni u hawn se nibqa'”.
