Hekk kif jaf li qed joqroblu ż-żmien meta, kif żvelajna, se jitneħħa minn Chairman tas-Super 1, Jason Micallef beda bil-botti tiegħu lejn it-tmexxija preżenti tal-Labour, illum immexxija minn dawk l-aktar qrib il-Bobby.
Sa minn ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Bobby wera lil dawk qrib Joseph li m’għadx għandu bżonnhom, imma aktar minn hekk, li mhux komdu bihom ma djulu għax aktar jippreferu lil Joseph milli lilu.
Wara li diġà keċċa lil Manwel Cuschieri mis-Super 1, qed toqrob dejjem aktar il-mannara fuq ras Jason Micallef wara li jidher li se jkun akkużat b’nuqqas ta’ korrettezza fit-tmexxija.
Ftit jiem wara li żvelajna li l-pjan tal-Bobby hu li jibgħat lil Jason jieħu ħsieb il-Park ta’ Ta’ Qali, dak li dalwaqt jitkeċċa minn Chairman tas-Super 1 uża l-Facebook biex jiżvoga.
Fil-fatt, hu qal li d-Delegati tal-Labour jixraqilhom “korrettezza fit-tmexxija” għax qal li din hi “standard ewlieni u bażiku mistenni mill-individwu”.
Imma filwaqt li ftaħar li hu dejjem segwa u żamm dan l-istandard, “mhux kulħadd jista’ jagħmel hekk”. Qal li fis-snin kollha bħala Segretarju Ġenerali tal-Labour u Chairman tas-Super 1, “qatt u ħadd ma allega xi forma ta’ skorrettezza jew taħwid”, bħalma lanqas ma għamlu kemm ilu f’karigi pubbliċi li “minn taħt idejja għaddew miljuni kbar”.
U għalaq billi sfida lill-Bobby u sħabu li jaf biex mingħalihom se jakkużawh, hekk kif qal li lest jikkonfronta lil min jipprova jimmina l-korrettezza tiegħu “għal skopijiet ulterjuri”, tant li jintużaw “mekkaniżmi jew individwi dubjużi bil-provi”.
Hu temm billi hedded li “għandi patafjun x’ngħid wara kważi 25 sena fil-ħajja pubblika”.
