Jason Micallef diżappuntat bin-nies fil-Labour

Wara li tkeċċa mis-Super One, l-eks Segretarju Ġenerali tal-Labour Jason Micallef ħass li kellu jiżvoga fuq Facebook propju fl-10 anniversarju minn meta l-Labour tela’ fil-Gvern.

L-ewwelnett hu nnota kif il-Labour ħeba għal kollox dan l-anniversarju, tant li qal li “li kieku mhux għax permezz tal-media soċjali, lanqas kont intbaħt li bħal-lum 10 snin ilu l-Partit Laburista kien rebaħ l-elezzjoni ġenerali”. Dan f’botta diretta lill-Bobby, li qisu qed jipprova jnessi x-xogħol li għamel Joseph fil-Labour biex intrebħet dik l-elezzjoni u oħrajn.

Iżda fuq kollox, esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod kif inbidlu persuni li Jason qal li fil-passat ħadem “spalla ma’ spalla magħhom”.

Għalaq billi qal li “ma nistax ma nkunx iddiżappuntat (u) diżilluż bil-foloz li sfortunatament jirrenjaw jekk mhux ukoll ifaqsu”. Qal li huma nies “bla sinsla” u li “bla ma jindunaw, bil-karattru mnejjek tagħhom, se jispiċċaw bla kredibbiltà ma’ kulħadd.

Hu widdibhom li għada pitgħada dawn jistgħu jispiċċaw “waħedhom”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *