[FILMAT] Manwel Cuschieri jisfida lill-Bobby: “Jekk l-affarijiet ma jinbidlux dak li għandi ngħid ngħidu”

Wara li kien miċħud mit-tmexxija tal-Labour, l-eks preżentatur tal-media Laburista Manwel Cuschieri ddeċieda li ma jħallihiex lixxa lit-tmexxija u jibqa’ sal-aħħar sakemm jgħid tiegħu.

Hekk hedded li jagħmel il-ġimgħa li għaddiet f’xandira oħra fuq il-Facebook wara li twaqqaf milli jkompli jagħmel il-programm tiegħu fuq ir-radio Super 1.

Fil-fatt matul xandira twila tipika tiegħu, Cuschieri fakkar kif kien ilu 30 sena jxandar fuq il-media Laburista u li beda billi ġabar ħafna flus biex setgħu jinbnew il-Kwartieri fil-Ħamrun.

Bħala eks President tal-Labour, hu fakkar li kien wieħed minn dawk li jiddeċiedu, iżda issa m’għadux. U fuq kollox, hu hedded lill-Bobby u sħabu fit-tmexxija li, jekk l-affarijiet ma jitranġawx, kien se jgħid l-istorja kollha.

Hawn, hu spjega lis-segwaċi tiegħu li l-verità tirrabbja lil-Laburist ġenwin. U għax jaf li għandu lil-Laburisti ta’ Joseph warajh, Cuschieri kien ċar fit-theddida tiegħu lill-Bobby: “Jekk l-affarijiet ma jinbidlux, jasal żmien li dak li għandi ngħid, ngħidu”.

Manwel Cuschieri ilu involut fuq quddiem tal-Labour għal għexieren ta’ snin u ngħata ħafna saħħa politika taħt it-tmexxija ta’ Fredu Sant (li fil-filmat irringrazzjah personalment u qal li jibqa’ grat lejh għal dejjem).

Meta Joseph beda jipponta biex jieħu t-tmexxija tal-Labour f’idejh, Cuschieri obda lil Fredu u appoġġjah kontra George, missier il-Bobby.

U issa li l-Bobby għandu l-kontroll ta’ kollox, stenna li tgħaddi l-elezzjoni ġenerali biex jibda jeħles min-nies qrib Joseph fil-Labour sakemm kien imiss lill-istess Manwel Cuschieri.

Iżda issa wieħed jistenna kemm il-Bobby se jdum iwebbes rasu quddiem l-isfidi diretti li qed jagħmillu Manwel Cuschieri!

Ara hawn taħt, siltiet mix-xandira ta’ Manwel Cuschieri fuq il-Facebook

2 comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *