Ġlied bejn ‘ta’ Joseph’ u ‘tal-Bobby’ fil-Kunsill tal-Gżira

Il-ġlied intern fil-Labour bejn ta’ Joseph u tal-Bobby qed jinħass sew, issa anke fuq livell lokali. Fost l-oħrajn fil-Gżira, fejn is-Sindku spiċċa jattakka lil-Labour tal-Bobby talli ma jridx jieħu passi fil-konfront ta’ Kunsillier suppost sieħbu, li qal li issa m’għadux jafdah.

Mat-Times, is-Sindku Conrad Borg Manche qal li l-Labour ma ħax passi kontra l-Kunsillier Alexander Calleja Zammit minkejja li dan tal-aħħar ippreżenta affidavit kontra Borg Manche lil Uffiċjali tal-Partit biex jgħid li s-Sindku ddeċieda waħdu li jappella d-deċiżjoni dwar ċaqlieq ta’ pompa tal-petrol fil-lokalità.

Iżda s-sajjetti bejn iż-żewġ persuni ilha li bdiet u ma tantx tidher li se tissolva malajr. Dan mhux biss minħabba li r-relazzjoni ta’ bejniethom qed tiggrava aktar ma jgħaddi ż-żmien, iżda anke minħabba li Borg Manche hu ‘ta’ Joseph’, filwaqt li Calleja Zammit hu ‘tal-Bobby’.

Għaldaqstant, is-Sindku mhux komdu li tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni fil-Kunsill li suppost imexxi minħabba Kunsillier ieħor li hu aktar tal-qalba minnu. Tant li qed jinkwieta li Calleja Zammit jieħodlu postu fl-elezzjoni tal-Kunsilli ta’ sentejn oħra għax ikun imbuttat aktar minnu, inkella li saħansitra jsibulu xi raġuni għaliex ma jħalluhx joħroġ.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *