Hekk kif qed tkompli l-pressjoni biex il-Bobby u sħabu jeħilsu darba għal dejjem minn Jason Micallef mit-tmexxija tas-Super 1, min-naħa tiegħu, iċ-Chairman qed jagħmel minn kollox biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-kumpanija.
Fost dawk li jinsabu fuq in-naħa ta’ Jason Micallef hemm Sandro Mangion, li jmexxi n-Newsroom tas-Super 1, li qed jagħmel minn kollox biex ixekkel il-pjan tal-Bobby u sħabu.
Tant hu hekk li ninsabu informati li Sandro qed jgħid lir-reporters tas-Super 1 biex ma tantx iqattgħu blat fuq stejjer politiċi. B’hekk, it-tmexxija politika tal-Bobby u sħabu tinħass li mhix effettiva, speċjalment fost il-Laburisti devoti lejn is-Super 1.
Għal Sandro Mangion ma kinitx diffiċli ħafna biex jagħżel lil Jason Micallef minflok lill-Bobby għax għadu ma jistax iniżżilha kif iż-żiemel politiku tiegħu, Carmelo Abela, sitt xhur ilu l-Bobby neħħieh mill-Kabinett wara li rebaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.