Dawk qrib il-Bobby fil-Kwartieri ġegħluh iwaqqaf ftit il-holiday fuq il-boat u minflok, is-Sibt li għadda, jagħmel intervista xotta xotta fuq is-Super 1. Dan hekk kif fil-Kwartieri waslet informazzjoni li Joseph kien se jisraq ix-xena b’artiklu li kiteb u li kien se jidher fil-ħarġa tal-għada tat-Torċa.
Fil-fatt, Joseph kiteb fit-tul dwar il-pjaga tal-għoli tal-ħajja u qal li l-ħaddiem qed jingħata dak li diġà tteħidlu, f’botta ċara lilll-Bobby u sħabu fil-Gvern li l-Maltin u l-Għawdxin mhumiex jingħataw biżżejjed għall-flus li nsterqu bil-ħajja togħla ta’ kuljum.
U għax konxji li meta jitkellem Joseph, il-poplu jieqaf ħalli jsegwi xi jkun qal, dawk qrib il-Leader ivvintaw ta’ maljar din l-intervista, filwaqt li għamlu pressjoni fuq it-tmexxija tat-Torċa biex il-kumment tal-Bobby jingħata prominenza fil-gazzetta tal-GWU.
Fil-fatt, il-kumment tal-Bobby, ukoll dwar is-suppost għajnuna għall-pjaga tal-għoli tal-ħajja, kellu bil-fors jintefa’ fil-faċċata tat-Torċa, fost l-għadab ta’ dawk qrib Joseph, li issa qed jaraw li “il-King tagħhom” qed jitwarrab għal kollox minn dawk qrib il-Leader.
